/   rmysitesup.com   / Maltija  

2019-10-21 08:46:11

Monday, October 21, 2019, 7:01

Ali Hassan Agid kien il-protagonista prinċipali fid-debutt tal-ħolm ta’ Tarxien AFC meta għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 4-0.

Hekk kif ingħata bidu għall-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA, din kienet l-ikbar rebħa tal-ġurnata hekk kif l-istess Tarxien AFC kienu qed jiddebuttaw fil-kompetizzjonijiet organizzati minn din l-assoċjazzjoni.

Anke San Ġiljan Saints u Valletta Stars bdew l-istaġun bl-aħjar mod meta għelbu bl-aktar mod konvinċenti lil Balluta Barracudas u Fgura Spartans rispettivament.

Kif għedna Tarxien AFC bdew bl-aħjar mod l-istaġun 2019/2020 meta b’żewġ gowls f’kull taqsima xejnu għal kollox l-isfida ta’ Naxxar Victorians. Dawn tal-aħħar sabuha ferm diffiċli kontra l-attakkanti veloċi Tarxiniżi bid-difiża tagħhom li bdiet tinqabad fuq sieq waħda speċjalment fil-kontrattakki veloċi tal-avversarji.

Minkejja li t-tim immexxi minn Frans Spiteri ipprova jtella’ xi kontrattakki sabu, lid-difiża Tarxiniża ferm soda li ftit ħallitilhom spazji sabiex jgħaddu.

Min-naħa tal-kowċ ta’ Tarxien AFC Yalcin Sammut hu ħejja metodu offensiv li kollox ma’ kollox ħalla effett ferm pożittiv.

Tarxien ħadu disa’ minuti sabiex marru fil-vantaġġ meta wara azzjoni ta’ korner, kien Ali Hassan Agid li għola bir-ras sabiex għeleb lil Kurt Aquilina bejn il-lasti Naxxarin.

Naxxar dehru maħsuda u pront qalgħu t-tieni gowl meta wara azzjoni veloċi kien Ali Hassan Agid li avvanza fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx tefa’ fir-rokna tax-xibka.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet b’Tarxien 2-0 minn fuq, il-Victorians ittantaw reazzjoni iżda reġgħu kienu Tarxien li skorjaw it-tielet gowl permezz ta’ Oulai Baptiste li għeleb għat-tielet darba lil Aquilina.

Tarxien issiġġillaw ir-rebħa finali fil-71 minuta permezz ta’ Troch Maarten bid-diriġenti tat-tim fis-seba’ sema wara dan ir-riżultat.

Referì kien Jean Pierre Sammut.

Fit-tieni partita kellna derby ferm missielet bejn San Ġiljan Saints u Balluta Barracudas. Dawn tal-aħħar kienu qed jagħmlu d-debutt uffiċjali tagħhom fil-kompetizzjonijiet tal-MAFA u minkejja li tilfu bl-iskor ta’ 3-2 urew spirtu ferm kumbattiv. Dan hu tim ferm interessanti magħmul minn diversi żgħażagħ li għandhom entużjażmu u li żgur se jagħmlu ħoss f’din id-diviżjoni. Huma kellhom il-mertu li ma jċedux pulzier lill-ġirien tagħhom li fl-istaġun li għadda sfaw relegati mill-Ewwel Diviżjoni.

San Ġiljan Saints huma kandidati li jisfidaw għall-promozzjoni u bħas-soltu urew logħob tajjeb għalkemm xi żbalji difensivi setgħu ġew evitati. Huma kellhom l-isfortuna li jfallu penalty sabiex kellhom jistennew sal-aħħar minuti sabiex aċċertaw ruħhom mir-rebħa finali.

San Ġiljan ħadu biss żewġ minuti sabiex marru fil-vantaġġ meta Jamie Bowlby-Whiting għeleb lill-gowlkiper avversarju u għalaq l-ewwel taqsima bit-tim tiegħu fil-vantaġġ.

Eżatt kif bdiet it-tieni taqsima, Ethan Goodman irdoppja l-iskor għall-Ġiljaniżi wara kontrattakk veloċi għalkemm Balluta Barracudas daħlu fil-logħba b’gowl ta’ Matthew Muscat.

San Ġiljan Saints skorjaw it-tielet gowl permezz ta’ Ethan Goodman li b’hekk għaqqad doppjetta personali.

Minkejja kollox Balluta ma qatgħux qalbhom u sabu t-tieni gowl ta’ konsolazzjoni grazzi għal Andrew Mallia.

Referi kien Karl Galea.

Valletta Stars kisbu rebħa tajba ta’ 2-0 kontra debuttanti oħra f’din id-diviżjoni Fgura Spartans. Kienet logħba li ġiet deċiża minn żewġ gowls f’temp ta’ tliet minuti li taw l-ewwel tliet punti lill-Istilel Beltin.

Dan it-tim se jkun wieħed mill-isfidanti għall-promozzjoni finali wara li naqsu li jagħmlu dan matul l-istaġun li għadda.

Valletta Stars għal din il-partita kienu mmexxija minn Kurt Grech fin-nuqqas ta’ Jason Pisani. Grech adotta sistema offensiva bil-għan li jaħsdu lill-avversarji tagħhom b’ġirjiet veloċi.

Min-naħa ta’ Fgura Spartans, it-tim hu fdat f’idejn il-kowċ Charlton Schembri u minkejja kull tentattiv li jwettqu reazzjoni partikolarment fit-tieni taqsima, huma naqsu li jsibu t-triq għall-gowl. M’hemmx dubju li din l-esperjenza se tgħinhom sabiex darb’oħra t-tim itejjeb il-wirja tiegħu.

Valletta Stars skorjaw iż-żewġ gowls tagħhom fl-ewwel taqsima, l-ewwel permezz ta’ Hamza Camara li fil-21 minuta għeleb lill-keeper avversarju filwaqt li tliet minuti wara huma rdoppjaw l-iskor permezz ta’ Kuranga Zaka Yero.

Ir-riżultat baqa’ ma nbidilx sal-aħħar tal-partita sabiex kienu l-Istilel Beltin li ċċelebraw l-ewwel suċċess tal-istaġun.

Referì ta’ din il-partita kien Lorry Sammut.

Għal din l-ewwel ġurnata tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Mosta Vikings ma kinux fl-azzjoni.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI:

Tarxien AFC, San Ġiljan Saints, Valletta Stars 3, Balluta Barracudas, Fgura Spartans, Naxxar Victorians, Mosta Vikings 0.

Mosta Vikings ma kinux fl-azzjoni fl-ewwel ġurnata.


sportinmalta.com
tarxien ewwel tieni sabiex meta kien divijoni minn iljan taqsima ferm wara




User comments